Fl-2022, il-Kummissjoni Ewropea tat il-Premju inawgurattiv għall-Kapitali Ewropej tal-Inklużjoni u d-Diversità. It-tmien irħula, bliet u reġjuni rebbieħa, kbar u żgħar, eċċellaw fl-impenn tagħhom għal Ewropa iktar ugwali u inklużiva. Huma ħadmu biex ikissru l-barrieri u jibnu soċjetà aħjar għal kulħadd, minkejja l-età, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon, is-sess, l-identità LGBTIQ jew id-diżabilità.
L-impenji tagħhom ġew rikonoxxuti f'Ċerimonja tal-Premjazzjoni fit-28 ta' April 2022, ospitata mill-Kummissjoni Ewropea fil-preżenza tal-Kummissarju Dalli, tal-Viċi-President Jourova u ta' Apostolos Tzitzikostas, il-President għall-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni.
Waqt iċ-ċerimonja, il-pubbliku vvota għal rebbieħ addizzjonali: Antequera, Spanja kienet rebbieħa.
Sorsi: Mišel Jakšić, Sindku ta' Koprivnica - Henriette Reker, Sindku ta' Koln - Loles López Gabarro, Ministru ta' Andalusija
Applikazzjonijiet għall-Premju 2023 tal-Bliet Kapitali Ewropej tal-Inklużjoni u d-Diversità ħarġu, u l-aħħar rebbieħa tad-deheb bdew jitkellmu dwar l-esperjenza tagħhom, l-impatt li l-premju kellu fuq il-komunitajiet tagħhom u l-futur li hemm quddiemhom wara l-isforzi tagħhom dwar id-diversità kienu rikonoxxuti fuq livell pan-Ewropew.
"Premjijiet bħall-Premju tal-Ibliet Kapitali tal-Inklużjoni u d-Diversità huma assolutament neċessarji biex inżommu lill-pubbliku ffukat fuq il-politiki li qed jittieħdu biex nippromwovu l-ugwaljanza bejn ċittadini". Loles López Gabarro, Ministru tal-Konċiljazzjoni, Inklużjoni Soċjali, Żgħażagħ, Familji u Ugwaljanza tal-Ġunta ta' Andalusija, jiddeskrivi fil-qosor dak li l-Kummisjoni Ewropea qed tipprova tilħaq bil-Premju tal-Bliet Kapitali Ewropej tal-Inklużjoni u d-Diversità.
Stabbilit fl-2022, il-Premju jirrikonoxxi x-xogħol ta' awtoritajiet lokali madwar l-Unjoni Ewropea, li l-missjoni tagħha hu li tibni soċjetà aktar ġusta u inklużiva.
L-ewwel ċerimonja tal-premju kienet saret fi Brussell fit-28 ta' April 2022, fejn il-Kummissarju għal Ugwaljanza Helena Dalli, flimkien mal-Viċi-President Věra Jourová u Apostolos Tzitzikostas, President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, ħabbret it-tliet rebbieħa tad-deheb.
Il-belt ta' Cologne, fil-Ġermanja rebħet il-premju tad-Deheb għal awtoritajiet lokali b'aktar minn 50,000 resident, il-Koprivnica Kroata rċeviet il-Premju tad-Deheb għal awtoritajiet lokali b'anqas minn 50,000 resident, u r-reġjun Spanjol ta' Andalusija rebaħ il-Premju Speċjali 2022 għax ippromwova l-inklużjoni tar-Rom.
It-Tim tal-Kapitali tad-Diversità kellem lit-tliet rebbieħa u saqsihom biex jaqsmu l-esperjenza u l-parir tagħhom ma' kull awtorità lokali li taspira tapplika għat-tieni edizzjoni tal-Premju tal-Bliet Kapitali Ewropej tal-Inklużjoni u d-Diversità.
Għall-biċċa l-kbira tar-rebbieħa, applikazzjoni għall-Premju kienet opportunità biex iqabblu l-politiki tagħhom ma' dawk tal-kontropartijiet Ewropej, u jieħdu sehem fi djalogu dwar kif id-diversità u l-inklużjoni jistgħu jkunu applikati għall-komunitajiet tagħhom b'mod effettiv u trasparenti.
"Dan ir-rikonoxximent wassal ukoll għal iżjed għarfien tas-suġġett ġo Cologne. Dan jista' jidher, fost affarijiet oħra, mid-domanda kbira għal finanzjament"
Henriette Reker
Is-Sindku ta' Cologne, Henriette Reker, tgħid li l-applikazzjoni għamlitha possibbli biex tikseb feedback indipendenti dwar l-isforzi tal-belt fl-integrazzjoni u d-diversità. "Motivazzjoni maġġura għall-applikazzjoni kienet ix-xewqa li naqsam il-miżuri u s-suċċessi tal-Belt ta' Cologne fil-qasam tal-integrazzjoni u diversità ma' muniċipalitajiet oħra bħala eżempji ta' prattika tajba," tgħid is-Sa Reker. "L-iskambju ma' muniċipalitajiet Ewropej joħloq spazju fejn jitgħallmu minn xulxin."
Is-Sindku ta' Koprivnica, Mišel Jakšić iżżid li t-tqabbil mal-pari Ewopew tiegħu għenet lill-belt biex tifhem fejn tinsab f'termini ta' politiki u inizjattivi. "Meta jkun hemm għadd kbir ta' proġetti u attivitajiet, allura tajjeb li tqabbel ma' oħrajn, biex tara x'inhu aħjar jew agħar, f'liema attivitajiet qegħdin fuq quddiem jew wara l-oħrajn. Il-premju li rċivejna hu prova li qegħdin fit-triq it-tajba u li qed nagħmlu ħaġa t-tajba."
L-impatt tar-rebħa tagħhom tal-2022 kien tremend għat-tliet rebbieħa tad-deheb kollha. Barra milli pprovda viżibiltà u rikonoxximent usa' tal-proġetti implimentati u żieda ll-interess tal-komunità f'politiki ta' inklużjoni, il-Premju għen jespandi l-impronta tar-rebbieħa u avanza x-xogħol tagħhom fil-qasam.
“Is-sensibilizzazzjoni tal-komunità żdiedet,” tgħid Mišel Jakšić. "Livell ogħla ta' sensibilizzazzjoni u tolleranza għad-diversità nkiseb, u dan jikkontribwixxi għal komunità aktar stabbli, aktar sikura u tolleranti. Dan iħallina nkomplu nibnu attitudnijiet ta' diversità u tolleranza sew lejn persuni b'diżabilità u tfal b'dewmien tal-iżvilupp, kif ukoll lejn gruppi emarġinati oħra."
Il-Premju qanqal interess mifrux f'Cologne, sew nazzjonali kif ukoll internazzjonali. "Kollegi minn dipartiment tad-Diversità kienu mistiedna aktar u aktar biex jagħmlu preżentazzjonijiet, konsultazzjonijiet, u biex jiddeskrivu l-formati dwar l-implimentazzjoni ta' miżuri dwar id-diversità minn muniċipalitajiet oħra," tgħid Henriette Reker. "Dan ir-rikonoxximent wassal ukoll għal iżjed għarfien tas-suġġett ġo Cologne. Dan jidher, fost affarijiet oħra, fid-domanda kbira għal finanzjament, li jintuża biex timplimenta proġetti fuq is-suġġett ta' integrazzjoni u diversità ġos-soċjetà tal-belt.
"Jekk għandek politiki, proġetti jew attivitajiet li jikkontribwixxu għal inklużjoni aħjar tal-livelli kollha tal-membri tal-komunità lokali, iddeskrivihom b'mod sempliċi u tinsa xejn għax kollox jgħodd."
Mišel Jakšić
Għal Andalusija, ir-rikonoxximent jittraduċi f'opportunità biex timbotta d-diversità u l-inklużjoni iktar 'il fuq fl-aġenda pubblika. “Dan huwa stimulu biex inkomplu nippromwovu l-pilastri tagħna għal inklużjoni,” jgħid Loles López Gabarro. "Dawn il-pilastri huma l-integrazzjoni tal-vera libertà u ugwaljanza li jnneħħu kull ostaklu, il-parteċipazzjoni ta' ċittadini fit-tfassil ta' politiki pubbliċi u koeżjoni soċjali, fost oħrajn.
Jekk kwalunkwe awtorità lokali tixtieq tapplika għall-Premju 2023 u qed issaqsi lilha nfisha kif dawn it-tlieta kisbu dan ir-rikonoxximent, is-sigriet qiegħed fl-applikazzjoni tagħhom. “Ikolli ngħid li m'hemm ebda formula maġika,” tammetti Mišel Jakšić. "Jekk għandek politiki, proġetti jew attivitajiet li jikkontribwixxu għal inklużjoni aħjar tal-livelli kollha tal-membri tal-komunitá lokali, iddeskrivihom b'mod sempliċi u tinsa xejn għax kollox jgħodd."
Pereżempju, Loles López Gabarro jiddeskrivi l-proċess eżatt tal-applikazzjoni ta' Andalusija: "Fir-rapport li tajna, semmejna l-firxa ta' politiki żviluppati f'oqsma varji b'enfażi speċjali fuq l-istorja twila tal-Ministeru ta' azzjonijiet li saru favur l-inklużjoni tal-komunità Rom. Fl-aħħarnett, semmejna l-istandard legali li bih il-Ġunta ta' Andalusija ser tidher fi proċedimenti legali fuq reati ta' mibegħda."
Madanakollu, hu kruċjali li ma nitilfux il-fokus għax hemm limitazzjonijiet ġol-formola tal-applikazzjoni, kif Henrietta Reker tenfasizza. "Il-limitu għall-karattru speċifikat ifisser li l-muniċipalitajiet irid ikollhom fokus qawwi. Dan huwa vantaġġ għax il-muniċipalità trid tittratta dan is-suġġett b'mod aktar intensiv, u żvantaġġ għax ċerti suġġetti biss tista' titratta u tiddeskrivi. Il-belt ta' Cologne ddeċidiet li tippreżenta biss l-istrateġija kumplessiva tagħha kif ukoll proġetti fanali li huma kemm jista' jkun intersezzjonali."
Meta nħarsu 'l quddiem, bl-għajnuna tal-Premju, ir-rebbieħa tad-deheb jidhru li qed jibnu xenarju mimli bi proġetti u politiki dwar l-inklużjoni.
Pereżempju, fit-22 ta' Novembru 2022, Andalusija kkommemorat il-Ġurnata taż-Żingari ta' Andalusija. "Rajna wkoll mument storiku fil-qasam tal-politiki għall-komunità Rom," tgħid Loles Lópes Gabarro. "Mill-Ministeru għall-Inklużjoni Soċjali, Żgħażagħ, Familji u Ugwaljanza, il-proċeduri neċessarji kienu promossi biex niċċelebraw is-sessjoni kostituttiva tal-ewwel Kunsill ta' Andalusija tal-Persuni Rom, fit-23 ta' Novembru 2022"
"Premjijiet bħall-Premju tal-Bliet Kapitali Ewropej tal-Inklużjoni u d-Diversità huma assolutament neċessarji biex inżommu lill-pubbliku ffukat fuq il-politiki li qed jittieħdu biex nippromwovu l-ugwaljanza bejn ċittadini."
Loles López Gabarro
Il-Kunsill hu entità kolleġġjali għal parteċipazzjoni soċjali fil-politiki pubbliċi ġenerali u speċifiċi li jippromwovu opportunitajiet indaqs u trattament u inklużjoni tal-komunità Rom.
Politiki dwar l-inklużjoni għal persuni b'diżabilità kienu l-fokus ta' Koprivnica għall-2022. Ir-reġjun implimenta politika unifikata għal persuni b'diżabilità, li hija mmonitorjata mill-Kumitat għall-ekwalizzazzjoni ta' opportunitajiet u integrazzjoni soċjali, b'rappreżentanti mill-assoċjazzjonijiet ta' persuni b'diżabilità.
“Hemm ukoll bosta proġetti, bħall-protezzjoni ta' persuni b'diżabilità kontra l-kriżi tal-enerġija, l-espansjoni ta' kapaċità tal-akkomodazzjoni fil-preprimarja għal tfal b'diżabilità fl-iżvilupp,” iżżid Mišel Jakšić.
Min-naħa l-oħra, Cologne tkompli tespandi s-servizzi tagħha ta' konsulenza u finanzjar ta' proġetti fuq is-suġġetti tal-integrazzjoni u tad-diversità. Is-Sindku Henriette Reker tgħid li dawn il-proġetti jiffukaw fuq iż-żieda fil-parteċipazzjoni ta' persuni b'diżabilità.
"Il-fondi tal-istat tal-inizzjattiva NRWeltoffen kienu lokalizzati b'suċċess fl-Uffiċċju għal Integrazzjoni u Diversità. Fil-futur, dawn il-fondi ser jintużaw biex jappoġġjaw proġetti b'fokus intersezzjonali," tkompli tgħid.
Aħna saqsejna lit-tliet rebbieħa tad-deheb biex jaqsmu xi ħsieb dwar kif awtorità lokali tista' żżid id-diversità u l-inklużjoni. Dan huwa dak li qalu!
Iktar dwar l-edizzjoni tas-sena li għaddiet